|
L-ISKARLATINA Dr Joseph Mizzi MD MRCP MRCPCH L-iskarlatina (‘scarlet fever’) hi infezzjoni kkaġunata mill-mikrobu Streptococcus u tolqot l-aktar lit-tfal minn sena sa għaxar snin. Fil-qedem l-iskarlatina kienet meqjusa marda serja għax xi drabi kient twassal għall-komplikazzjonijiet fil-qalb u l-kliewi. Illum m’għandniex għalfejn ninkwetaw għax l-infezzjoni titfejjaq faċilment b’kors antibiotiċi. F’Malta f’dawn l-aħħar sentejn kien hawn aktar każijiet mis-soltu, l-aktar fi tfal żgħar, u kollha marru tajjeb. X’inhuma s-sintomi? Dawn huma s-sintomi tal-iskarlatina: • Deni u tkexkix ta’ bard Id-deni u l-ġriżmejn ħomor huma l-ewwel sintomi. L-għada jitfaċċa r-raxx fuq is-sider, li jinfirex lejn l-għonq, id-dirgħajn u l-bqija tal-ġisem. Ir-raxx idum madwar ġimgħa, u tista’ titqaxxar il-ġilda tas-swaba. Kif tittieħed? Il-mikrobu jinxtered fil-bżieq bis-sola,
għatis u bl-idejn, fil-familja u l-iskejjel. Il-marda tibda xi
jumejn jew tlieta wara. Il-pazjent ma jibqax infettiv wara ġurnata
li jibda l-antibijotiku. X'inhi l-kura? Kellem it-tabib f’każ ta’ ġriżmejn u deni għoli, speċjalment jekk id-deni ma jinżilx f’jumejn. It-tabib jasal għall-dianjosi fuq l-eżami kliniku, u test sempliċi ta’ ‘throat swab’. Huwa importanti li tagħti l-kors sħiħ tal-antibijotiku (għaxart ijiem) avolja t-tifel jew tifla jgħaddilha qabel. Tista’ ittaffi l-uġiegħ u d-deni bil-mistura tal-paracetamol jew ibuprofen. Waqt li jkunu għadhom morda t-tfal għandhom jistrieħu imma mhux bil-fors fis-sodda. Agħti soppa, milkshakes u jogurt minħabba l-uġiegħ fil-griżmejn. It-tifel jew tifla tista’ tmur lura l-iskola wara hamest ijiem jekk tkun tħossa tajba. April 2009 |