BACK TO MPA HOMEPAGE

Il-COT DEATH

Dr Joseph Mizzi MD MRCP; Ms Rita Pace Parascandalo, Midwife.

Cot Death tfisser l-mewt għall-għarrieda ta’ tarbija waqt l-irqad; din tista’ tiġri l-aktar fit-tieni u t-tielet xahar tal-ħajja.

Fortunatament dan il-fenomenu hu rari ħafna, imma l-ħajja ta’ tarbija waħda hi imprezzabbli. Saret ħafna riċerka biex nifhmu aħjar din il-kundizzjoni misterjuża, u għalkemm ma nafux kollox, illum nafu kif innaqqsu r-riskju.

Mhux wiċċha 'l Isfel...

Fil-bidu tas-snin disgħin saru kampanji edukattivi f’ħafna pajjiżi, inkluż f’Malta, biex it-tarbija ma’ titpoġġiex torqod fuq żaqqha, imma fuq id-dahar jew il-ġemb. Is-suċċess kien fenomenali: in-numru ta’ cot deaths naqas bin-nofs. Imma r-riċerka baqgħet għaddejja bit-tama li nkomplu nnaqqsu dawn l-imwiet.

... u lanqas fuq il-ġemb!

Diversi studji riċenti juru li hemm riskju akbar meta t-tarbija titqiegħed torqod fuq il-ġemb. Għalhekk m’għadniex aktar tal-parir li t-tarbija titqiegħed torqod fuq ġembha, imma għandha dejjem titqiegħed torqod fuq id-dahar.

Sikwit il-ġenituri jistaqsu, “Imma jekk ittellgħa l-ħalib ma tixraqx?” Le, m’hemmx riskju akbar li tixraq. Filwaqt li d-dahar ikun ċatt mas-saqqu, ir-ras tkun mdawwra lejn naħha jew oħra , u jekk jitla’ xi ftit ħalib, dan joħroġ mill-ġemb tal-ħalq.

Matul il-jum, meta t-tarbija tkun mqajjma, tajjeb li tqatta’ ftit ħin tilgħab fuq żaqqha. Dan jgħin fl-iżvilupp tal-muskoli ta’ l-għonq u l-ispallejn. Imma waqt l-irqad, dejjem fuq id-dahar.

Kif tnaqqas ir-riskju

  1. Dejjem raqqad it-tarbija fuq daharha; traqqadhiex fuq il-ġemb jew fuq iż-żaqq.
  2. Tpejjipx waqt it-tqala jew wara il-ħlas; tħalli lil ħadd min ippejjep fid-dar.
  3. Sa sitt xhur it-tarbija għandha torqod fl-istess kamra mal-ġenituri tagħha.
  4. Tista’ treddgħa jew tisqi t-tarbija fis-sodda tal-ġenituri, imma wara li tkun xorbot għandha titqiegħed torqod fil-cot.
  5. Issaħħanx it-tarbija żżejjed (tużax quilt jew ħafna kutri fuq xulxin).
  6. Uża saqqu sod mgħotti b’liżar; tpoġġix ħwejjeġ rotob taħt it-tarbija.
  7. Ħalli r-ras mikxufa, u tħallix soft-toys jew ħwejjeġ oħra fil-cot.
  8. Qiegħed saqajn it-tarbija imissu mat-tarf tal-cot (li ma tiżżerżaqx ’l isfel u tispiċċa rasha taħt il-friex).

Meta jsegwu dawn il-pariri, il-ġenituri jistgħu jserrħu rashom li qed jagħtu kull protezzjoni lit-tarbija tagħħhom.

Mejju 2007
 
Leaflets
  • Kif Tipprotegi lit-Tarbija minn Cot DeathDownload
  • How to Reduce the Risk of Cot Death Download

BACK TO MPA HOMEPAGE