BACK TO MPA HOMEPAGE

It-Tilqima ta’ l-Influwenza fit-Tfal

Dr Joseph Mizzi MD MRCP

L-influwenza hi marda infettiva kkaġunata minn virus, u tittieħed mis-sogħla u l-għatis. L-influwenza hi marda aktar serja minn riħ komuni. Ir-riħ jibda bil-mod, bi ftit uġigħ fil-griżmejn, flissjoni u bl-imnifsejn fgati; filwaqt li l-influwenza tibda f’daqqa, b’deni għoli, tkexkix ta’ bard, uġigħ fl-għadam, sogħla, uġigħ fil-griżmejn u għejja kbira. L-influwenza tiġi fl-istaġun tax-xitwa.

It-tilqima

It-tilqima ta’ l-influwenza fija estratt ta’ tlett tipi tal-mikrobu ta’ l-influwenza. Meta tingħata t-tilqima, il-ġisem jipproduċi antibodies li jipproteġu kontra l-marda. Din il-protezzjoni sservi madwar sena u għalhekk it-tilqima għandha tingħata kull sena.

Ta’ min iżomm f’moħħu li din it-tilqima tipproteġi biss kontra l-influwenza, u ma tagħti ebda protezzjoni kontra l-irjiħat u l-infezzjonijiet oħra. It-tfal żgħar jieħdu bejn ħames u għaxar infezzjonijiet kull sena; it-tilqima ta’ l-influwenza tipproteġi kontra waħda minnhom biss.

It-tilqima ta’ l-influwenza ma toffrix protezzjoni kontra l-influwenza tat-tjur (s’issa f’Malta ma kellna ebda każ) jew l-influwenza pandemika (jekk xi darba titfaċċa).

Min jista’ jitlaqqam?

It-tfal kollha jistgħu jieħdu t-tilqima ta’ l-influwenza jekk tixtieq tipproteġihom kontra l-influwenza. B’mod partikolari t-tilqima hi rakkomandata ħafna għal tfal żgħar sa erba’ snin u tfal li għandhom kundizzjonijiet mediċi kroniċi (bhal mard tal-qalb, ażma u dijabete) peress li dawn għandhom riskju akbar ta’ komplikazzjonijiet (bħal infezzjoni fil-pulmun) u ċans akbar li jkollhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura.

Tarbija ta’ anqas minn sitt xhur ukoll jista’ jkollha komplikazzjonijet mill-influwenza iżda t-tilqima ma tistax tingħata f’din l-età. Sabiex tipproteġi t-tarbija taħt is-sitt xhur, agħti t-tilqima lill-bqija tal-familja u tħallix nies morda jersqu qribha.

X’inhuma s-side effects?

It-tilqima ta’ l-influwenza mhix perikoluża u s-side effects huma ftit. X’uħud iħossu uġigħ fejn tingħata t-titqiba. Oħrajn jitlagħlhom d-deni u jħossuhom ma jifilħux, speċjalment dawk li qatt ma kienu esposti għall-mikrobu fil-vaċċin. Is-sintomi jibdew minn 6 sa 12-il siegħa wara it-titqiba u jduma ġurnata jew tnejn. It-tilqima ma fihiex il-mikrobu ħaj u għalhekk ma tistax tikkaġuna l-influwenza.

Meta għandha tingħata t-tilqima?

It-tilqima għandha tingħata qabel tibda x-xitwa, jiġifieri f’Ottubru u Novembru.

It-tilqima ma tistax tingħata meta t-tifel ikun marid bid-deni.

Tfal sa tlett snin jingħataw nofs l-injezzjoni (0.25 ml); tfal akbar jingħataw l-injezzjoni sħiħa (0.5 ml). Tfal li qatt ma kienu ħadu t-tilqima ta’ l-influwenza jkollhom bżonn żewġ titqibiet, minn erba’ sa sitt ġimgħat bejniethom. Dawk li diġa’ kienu ħadu t-tilqima fis-snin ta’ qabel jingħataw titqiba waħda.

Settembru 2007

BACK TO MPA HOMEPAGE