|
IL-MENINĠITE FIT-TFAL Dr David Pace MD MRCPCH X’inhi l-meninġite? Il-meninġite hi infezzjoni rari, imma serja, tar-rita madwar il-moħħ. L-aktar forma serja tal-meninġite hi ikkaġunata minn mikrobi msejħa batterji. Minn l-età ta’ xahar ’il fuq l-aktar mikrobi komuni li jikkawżaw il-meninġite jissejħu Neisseria meningitidis (“meningococcus”) u Streptococcus pneumoniae (“pneumococcus”). Barra l-meninġite, dawn iż-żewġ mikrobi jistgħu jikkaġunaw infezzjoni fid-demm (“septicaemia”). In-pneumococcus jikkaġuna wkoll infezzjoni fil-pulmun (pulmonite) u infezzjoni fil-widna. Il-meninġite tista’ taffettwa nies ta’ kull età, imma r-riskju huwa akbar fit-trabi u tfal taħt il-ħames snin. Fil-passat il-mikrobu Haemophilus influenzae type b (“Hib”) kien ukoll jikkaġuna l-meninġite u infezzjonijiet serji oħra; illum ma tantx għandna naraw iżjed minnu minħabba t-tilqima li tingħata kontrih fit-trabi. Kif tittieħed il-meninġite? Il-mikrobi li jikkawżaw il-meninġite jgħaddu minn bniedem għall-ieħor permezz tal-bżieq, ngħidu aħna, b’bews fuq ix-xofftejn, u meta xi ħadd jisgħol jew jagħtas. Il-persuna li tgħaddi l-mikrobu tista’ tkun f’saħħitha u ma jkollha ebda sinjali ta’ mard. X’inhuma s-sintomi tal-meninġite u l-infezzjoni tad-demm (“septicaemia”)? Is-sintomi jvarjaw skond l-età (ara l-lista). Mhux bilfors ikun hemm dawn is-sinjali kollha; jista’ jkun hemm ftit minnhom biss. Mill-banda l-oħra, xi sintomi jistgħu jiġu minn infezzjonijiet oħra u mhux bilfors mill-meninġite jew infezzjoni fid-demm. Sintomi tal-meninġite jew infezzjoni fid-demm fit-trabi u tfal żgħar
Sintomi tal-meninġite fi tfal akbar
Sintomi ta’ l-infezzjoni fid-demm fi tfal akbar
Wieħed mis-sinjali jista’ jkun raxx fil-ġilda, li meta tagħfas fuqu ma jiċċarax imma jibqa’ aħmar skur jew vjola.
X’nagħmel jekk naħseb li xi ħadd mit-tfal għandu l-meninġite jew infezzjoni fid-demm? Jekk qed tinkwieta li ibnek jew bintek għandhom sintomi tal-meninġite jew infezzjoni fid-demm, kellem lit-tabib immedjatament. Jekk dan mhux possibli, mur fl-eqreb klinika medika jew l-isptar. Ftakar li dan hu mard serju ħafna u t-tfal jistgħu jaqilbu għall-agħar fi ftit sigħat. Importanti ħafna li tfittex l-għajnuna mill-ewwel. Hemm kura għall-meninġite? Il-meninġite tiġi trattata b’antibijotiċi li jingħataw dirett fil-vina. Xi tfal li jkunu ma jifilħux sew jista’ jkollhom bżonn ta’ kura intensiva għal xi żmien. Minkejja l-avvanzi li saru fil-kura tat-tfal bil-meninġite, madwar 10 fil-mija xorta waħda jistgħu imutu; sa 20 fil-mija jistgħu jibqgħu ibatu minn konsegwenzi serji bħal nuqqas ta’ smigħ, aċċessjonijiet u problemi fl-iżvilupp. Dawk in-nies li jiġu f’kuntatt mill-qrib ta’ xi ħadd marid bil-meningococcus jingħataw antibijotiku mit-tabib tas-Saħħa Pubblika biex jilqgħalhom kontra din l-infezzjoni. Kif nista’ nevita li t-tfal jimirdu bil-meninġite? Mod effettiv kif tevita l-meninġite huwa permezz tat-tilqim. It-tilqima kontra l-Haemophilus influenzae tingħata regolarment lit-trabi mill-età ta’ xahrejn ’il fuq. Din it-tilqima tingħata fl-istess żmien mat-tilqim kontra d-difterite, it-tetnu, is-sogħla konvulsiva u l-poljo. Hemm diversi tipi tal-mikrobu meningococcus (A, B, C, W-135 u Y). F’Malta l-meningococcus tip B jikkawża l-maġġoranza tal-meninġite u l-infezzjoniji tad-demm fit-tfal. Sfortunatament s’issa għad m’hawnx tilqima effettiva kontrih. Teżisti tilqima kontra wħud mit-tipi aktar rari tal-meningococcus. Din tingħata lil dawk in-nies lil jkunu ħa jżuru dawk il-pajjiżi fejn dawn it-tipi ta’ meningococcus huma komuni. In-pneumococcus wkoll hu klassifikat f’diversi tipi. Riċentament ħarġet tilqima li tipproteġi kontra l-mard ikkaġunat mill-aktar seba' tipi ta' pneumococcus komuni fit-tfal taħt il-ħames snin. Din it-tilqima tista’ tingħata mill-età ta’ xahrejn sa ħames snin. Fejn nista’ nsib aktar informazzjoni? Ara dawn is-siti fuq l-internet: Ġunju 2006 |