BACK TO MPA HOMEPAGE

L-INFLUWENZA PANDEMIKA FIT-TFAL

Dr Joseph Mizzi MD MRCP

Flu virus

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ilha s-snin twissi li ġejja pandemija ta’ l-influwenza. Tista’ tiġi din is-sena, tista’ tiġi għaxar snin oħra. Ħadd ma jaf.

L-influwenza pandemika titfaċċa minn żmien għal żmien u tinfirex malajr mad-dinja kollha. Matul is-seklu għoxrin seħħet tliet darbiet (1918, 1957, 1968). L-Influwenza Spanjola fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija kienet l-aktar ħarxa u wasslet għall-miljuni ta’ mwiet.

B’kuntrast ma’ l-influwenza ordinarja li jkollna matul ix-xitwa minn sena għal sena, l-influwenza pandemika tista’ tiġri f’kull żmien tas-sena. L-influwenza pandemika hi ferm aktar serja minn dik ordinarja. Madwar kwart mill-popolazzjoni jistgħu jieħdu l-marda.

Kull pandemija hi differenti. Probabbilment is-sintomi jkunu jixbħu l-influwenza komuni, iżda jkunu aktar qawwija għaliex ħadd ma jkollu immunità (difiża) kontra l-mikrobu. Il-pandemija twassal għal ħafna mwiet, tħarbat il-ħajja ta’ kuljum u toħloq pressjoni qawwija fuq is-soċjetà, speċjalment fuq is-servizzi tas-saħħa.

X’jikkawża l-influwenza pandemika?

Il-pandemija sseħħ għax jitfaċċa virus ġdid ta’ l-influwenza. Peress li jkun differenti mill-mikrobi ta’ l-influwenza li hawn bħalissa, il-popolazzjoni ma jkollhiex immunità (difiża) kontrih. Għalhekk il-mikrobu jinxtered aktar malajr u jikkawża mard aktar serju.

Jista’ jagħti l-każ li l-virus ta’ l-influwenza tat-tjur (l-Avian Flu), li s-soltu ma jmarradx il-bniedem, ikun il-kaġun ta’ l-influwenza pandemika li jmiss. Xi persuni fl-Asja kienu infettati minn kuntatt dirett mat-tjur morda. Fortunatament dan il-mikrobu s’issa m’għandux il-kapaċità jgħaddi faċilment minn persuna għall-oħra. Madankollu jekk il-virus jikseb din l-kapaċità u jibda’ jinxtered fost il-bnedmin, dan ikun ifisser il-bidu tal-pandemija fostna.

Min qiegħed f’riskju?

Jekk tibda’ pandemija, kulħadd ikun f’riskju li taqbdu l-influwenza. Diffiċli tbassar liema kategoriji ta’ nies se jkunu milquta l-aktar. L-aħħar żewg pandemiji affettwaw l-aktar iż-żgħar u x-xjuħ, u dawk li kienu diġà jbatu minn xi kundizzjoni medika; l-influwenza Spanjola kienet laqtet ukoll żgħażagħ u adulti f’saħħithom.

Hawn tilqima kontra l-influwenza pandemika?

Le, s’issa m’hawn ebda tilqima kontra l-influwenza pandemika. Ladarba titfaċċa l-marda l-ġdida tibda l-ħidma biex jiżviluppaw u jipproduċu t-tilqima. Il-proċess jieħu ż-żmien; jilħqu jgħaddu x-xhur qabel it-tilqima tkun tista’ tibda tingħata lin-nies.

It-tilqima kontra l-influwenza ordinarja ma toffrix protezzjoni kontra l-influwenza pandemika. Id-Dipartiment tas-Saħħa xorta waħda jirrakkomanda t-tilqim tat-tfal minn sitt xhur sa sentejn, u lit-tfal li għandhom xi kundizzjoni medika serja (biex ikunu protetti kontra l-influwenza ordinarja li se jkollna fix-xitwa li ġejja).

Hawn xi mediċini kontra l-influwenza pandemika?

Iva, mediċini msejħa antivirals (Tamiflu u Relenza) jintużaw għall-kura ta’ l-influwenza. Biss ħadd ma jaf kemm se jkunu effettivi kontra l-influwenza pandemika. Biex jaħdmu fuq il-marda, il-pazjent irid jieħu l-mediċina hekk kif jitfaċċaw l-ewwel sintomi (jiġifieri fl-ewwel 48 siegħa).

L-Għadqa Dinjija tas-Saħħa tirrakkomanda lill-awtoritajiet ta’ kull pajjiż biex jaħżnu stokk ta’ antivirals biex jintużaw f’każ li titfaċċa l-influwenza pandemika. Hekk qed jagħmel id-Dipartiment tas-Saħħa ta’ Malta. Madanakollu xi wħud qed jaħsbu biex jiksbu antivirals għall-użu tal-familja tagħhom. Dawn il-mediċini għandhom jintużaw biss bil-parir professjonali tat-tabib.

Aktar Informazzjoni

www.cdc.gov/flu/avian/gen-info/pdf/pandemic_factsheet.pdf 
www.dh.gov.uk/PolicyAndGuidance/EmergencyPlanning/PandemicFlu/fs/en 

Lulju 2005

BACK TO MPA HOMEPAGE